European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Is-serje L


2024/1847

1.7.2024

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (EURATOM) 2024/1847

tal-25 ta’ Ġunju 2024

dwar iċ-ċaħda tal-vantaġġi skont il-Parti III tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) lil kwalunkwe entità ġuridika li hija proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn persuni biċ-ċittadinanza jew in-nazzjonalità tal-Federazzjoni Russa jew tar-Repubblika tal-Belarussja u lil kwalunkwe investiment fis-sens tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija li huwa investiment ta’ investitur tal-Federazzjoni Russa jew tar-Repubblika tal-Belarussja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari it-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

It-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (il-“Ftehim”) ġie konkluż mill-Euratom bid-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom (1) u daħal fis-seħħ fis-16 ta’ April 1998.

(2)

Skont l-Artikolu 17(1) tal-Ftehim, kull Parti Kontraenti tirriżerva d-dritt li tiċħad il-vantaġġi tal-Parti III tal-Ftehim lil entità legali jekk persuni biċ-ċittadinanza jew in-nazzjonalità ta’ Stat terz jippossjedu jew jikkontrollaw tali entità u jekk dik l-entità ma jkollha l-ebda attività kummerċjali sostanzjali fiż-żona tal-Parti Kontraenti li fiha tkun organizzata.

(3)

Skont l-Artikolu 17(2), il-punt (b), tal-Ftehim, kull Parti Kontraenti tirriżerva d-dritt li tiċħad il-vantaġġi tal-Parti III tal-Ftehim għal investiment, jekk il-Parti Kontraenti li tiċħad tistabbilixxi li tali investiment ikun investiment ta’ investitur ta’ Stat terz li miegħu jew li fir-rigward tiegħu l-Parti Kontraenti li tiċħad tadotta jew iżżomm miżuri li jipprojbixxu tranżazzjonijiet ma’ investituri ta’ dak l-Istat jew li jinkisru jew jiġu evitati jekk il-benefiċċji tal-Parti III tal-Ftehim jingħataw lill-Investituri ta’ dak l-Istat jew lill-investimenti tagħhom.

(4)

L-Unjoni imponiet b’mod progressiv miżuri restrittivi kontra l-Federazzjoni Russa, inizjalment b’reazzjoni għall-annessjoni illegali tal-Krimea u ta’ Sevastopol u għad-destabbilizzazzjoni deliberata tal-Ukrajna. L-Unjoni espandiet il-miżuri restrittivi b’reazzjoni għar-rikonoxximent taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-“oblasts” Ukreni ta’ Donetsk u ta’ Luhansk, u d-deċiżjoni li jintbagħtu l-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni. B’reazzjoni għall-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna, l-Unjoni espandiet b’mod sinifikanti l-miżuri restrittivi.

(5)

Fl-istess waqt, il-miżuri restrittivi introdotti mill-Unjoni li jikkonċernaw lir-Repubblika tal-Belarussja ġew estiżi b’reazzjoni għall-involviment ta’ dan il-pajjiż fil-gwerra ta’ aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna.

(6)

La l-Federazzjoni Russa u lanqas ir-Repubblika tal-Belarus ma huma Parti Kontraenti għall-Ftehim. Madankollu, investituri minn dawk il-pajjiżi jistgħu jippruvaw jużaw entitajiet ġuridiċi stabbiliti fit-territorju ta’ Parti Kontraenti għall-Ftehim biex jallegaw li l-Euratom jew l-Istati Membri tagħha aġixxew b’mod inkonsistenti mal-obbligi ta’ protezzjoni tal-investiment tal-Ftehim u b’hekk iressqu proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat kontra l-Euratom jew l-Istati Membri tagħha.

(7)

L-azzjonijiet tal-Euratom u dawk tal-Istati Membri tagħha huma konsistenti mal-Ftehim u ma’ ftehimiet rilevanti oħra u, fi kwalunkwe każ, il-pretensjonijiet fir-rigward ta’ tali miżuri huma preklużi skont l-istrumenti applikabbli u d-dritt internazzjonali ġenerali. Minkejja dan, huwa xieraq li jittieħdu passi proċedurali komplementari biex jiġu evitati proċedimenti għas-soluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat minn entitajiet ġuridiċi li huma proprjetà ta’ jew ikkontrollati minn persuni bic-ċittadinanza jew in-nazzjonalità tal-Federazzjoni Russa jew tar-Repubblika tal-Belarussja kontra l-Euratom jew l-Istati Membri tagħha skont il-Ftehim.

(8)

L-Artikolu 17 tal-Ftehim jippermetti lill-Partijiet Kontraenti jiċħdu l-vantaġġi tad-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment tal-Ftehim lill-investituri minn Partijiet mhux Kontraenti li jfittxu li jabbużaw mill-Ftehim billi jressqu pretensjonijiet ta’ investiment fis-sitwazzjonijiet imsemmija hawn fuq (“ċaħda tal-vantaġġi”).

(9)

Huwa xieraq li jiġi invokat l-Artikolu 17(1) tal-Ftehim fir-rigward ta’ kull entità ġuridika li hija proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn persuni biċ-ċittadinanza jew in-nazzjonalità tal-Federazzjoni Russa jew tar-Repubblika tal-Belarussja, u li ma għandha l-ebda attività kummerċjali sostanzjali fiż-żona tal-Parti Kontraenti li fiha hija organizzata. Bl-istess mod huwa xieraq li jiġi invokat l-Artikolu 17(2), il-punt (b), tal-Ftehim fir-rigward ta’ kull investiment fis-sens tal-Ftehim li jkun investiment ta’ investitur tal-Federazzjoni Russa jew tar-Repubblika tal-Belarussja fiċ-ċirkostanzi deskritti f’dik id-dispożizzjoni.

(10)

Iċ-ċaħda tal-vantaġġi skont l-Artikolu 17 tal-Ftehim jenħtieġ li tiġi implimentata mill-Kummissjoni billi tiċċirkola fi ħdan il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija d-Dikjarazzjoni pubblika stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni f’isem l-Euratom u l-Istati Membri rilevanti kollha li huma Partijiet Kontraenti għall-Ftehim jew li huma ex Partijiet Kontraenti li fit-territorji tagħhom il-Ftehim ikompli japplika, skont l-Artikolu 47(3) tal-Ftehim.

(11)

Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Unjoni, il-Euratom u l-Istati Membri kollha li jinvokaw l-Artikolu 17 tal-Ftehim fir-rigward ta’ investitur jew investiment separatament u fi kwalunkwe mument xieraq,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Iċ-ċaħda min-naħa tal-Euratom, skont l-Artikolu 17(1) tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, tal-vantaġġi tal-Parti III ta’ dan il-ftehim lil kull entità ġuridika li hija proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn persuni biċ-ċittadinianza jew in-nazzjonalità tal-Federazzjoni Russa jew tar-Repubblika tal-Belarussja, u li ma għandha l-ebda attività kummerċjali sostanzjali fiż-Żona tal-Parti Kontraenti, jew tal-ex Parti Kontraenti, li fiha tkun organizzata, hija b’dan approvata.

2.   Iċ-ċaħda min-naħa tal-Euratom, skont l-Artikolu 17(2), il-punt (b), tat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija, tal-vantaġġi tal-Parti III ta’ dak il-ftehim għal kull investiment ta’ investitur tal-Federazzjoni Russa jew tar-Repubblika tal-Belarussja fiċ-ċirkostanzi deskritti f’dik id-dispożizzjoni hija b’dan approvata.

Artikolu 2

Iċ-ċirkolazzjoni tad-Dikjarazzjoni fl-Anness mill-Kummissjoni fi ħdan il-Konferenza tal-Karta tal-Enerġija hija b’dan approvata.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-25 ta’ Ġunju 2024.

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 98/181/KE, KEFA, Euratom tat-23 ta’ Settembru 1997 rigward il-konklużjoni, mill-Komunitajiet Ewropej, tat-Trattat fuq iċ-Charter tal-Enerġija u l-Protokoll taċ-Charter tal-Enerġija dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-aspetti ambjentali relatati (ĠU L 69, 9.3.1998, p. 1).


ANNESS

DIKJARAZZJONI

f’isem l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, l-Irlanda, il-Greċja, Spanja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja u l-Iżvezja

L-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Euratom) u l-Istati Membri msemmija hawn fuq li huma, jew kienu, Partijiet Kontraenti għat-Trattat tal-Karta tal-Enerġija (il-“Ftehim”) b’dan jiċħdu l-vantaġġi tal-Parti III tal-Ftehim lil:

(1)

kwalunkwe entità ġuridika li hija proprjetà ta’ jew ikkontrollata minn persuni biċ-ċittadinanza jew in-nazzjonalità tal-Federazzjoni Russa jew tar-Repubblika tal-Belarussja, u li ma għandha l-ebda attività kummerċjali sostanzjali fiż-żona tal-Parti Kontraenti, jew tal-ex Parti Kontraenti, li fiha hija organizzata, skont l-Artikolu 17(1) tal-Ftehim; u

(2)

kwalunkwe investiment fis-sens tal-Ftehim li huwa investiment ta’ investitur tal-Federazzjoni Russa jew tar-Repubblika tal-Belarussja, skont l-Artikolu 17(2), il-punt (b), tal-Ftehim.

L-Unjoni u l-Istati Membri tagħha adottaw u qed iżommu miżuri restrittivi kontra l-Federazzjoni Russa minħabba l-gwerra ta’ aggressjoni tagħha kontra l-Ukrajna, kif ukoll kontra r-Repubblika tal-Belarussja bħala kompliċi f’din il-gwerra ta’ aggressjoni. Il-miżuri restrittivi jinkludu miżuri li (i) jipprojbixxu tranżazzjonijiet ma’ investituri tal-Federazzjoni Russa u tar-Repubblika tal-Belarussja, u li (ii) jinkisru jew jiġu evitati jekk il-benefiċċji tal-Parti III tal-Ftehim jingħataw lil investituri ta’ dawk l-Istati jew lill-investimenti tagħhom.


ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2024/1847/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


-